Il-Kamra tal-Avukati b’sodisfazzjon tħabbar miżura li permezz tagħha ċerti appelli jkunu jistgħu jipproċedu għall-preparazzjoni u l-abbozzar tas-sentenza, anki f’dan iż-żmien fejn il-Qrati huma magħluqa minħabba emerġenza ta’ saħħa. Dan kien possibbli wara diskussjonijiet mal-ġudikatura u l-amministrazzjoni tal-Qrati f’tentattiv biex matul dan il-perjodu dawk l-appelli fejn il-partijiet m’għandhomx sottomissjonijiet ulterjuri x’jagħmlu ikunu jistgħu jgħaddu għas-sentenza.
Il-Qorti tal-Appell, fis-sezzjonijiet kollha tagħha, tistieden lil dawk l-Avukati kollha li għandhom appelli pendenti biex, jekk jaqblu li l-Qorti tista’ tipproċedi għas-sentenza mingħajr il-ħtieġa ta’ trattazzjoni bil-fomm, għandhom jibgħatu email fl-indirizz appeal.csa@courtservices.mt u jinfurmaw lir-Reġistru tal-Qorti bil-kunsens tagħhom li l-Qorti tista’ tgħaddi għas-sentenza.
Huwa mportanti li l-email in kwistjoni jkollha:
- L-occhio u n-numru tar-rikors fis-Subject Line;
- Fil-korp tal-email għandu jitniżżel:
- Il-kunsens ta’ l-avukat għan-nom tal-klijent tiegħu/tagħha li l-Qorti tista’ tgħaddi għas-sentenza mingħajr il-ħtieġa ta’ trattazzjoni ulterjuri;
- L-impenn tagħhom illi, appena il-Qorti terġa tinfetaħ, jikkonfermaw il-kunsens biex il-Qorti tgħaddi għas-sentenza mingħajr il-bżonn ta’ trattazzjoni orali, permezz ta’ nota formali fir-Reġistru ai termini tal-proviso tal-artiklu 207 tal-Kap.12;
- Għandu jsir il-ħlas tal-kawtela skont il-liġi.
Din il-miżura hija intiża biex f’dan iż-żmien fejn mhumiex isiru seduti, il-Qorti tkun tista’ tipprepara s-sentenzi fl-appelli konċernati wara l-konferma informali tal-partijiet li m’hemmx bżonn ta’ trattazzjoni ulterjuri u li għalhekk l-istess Qorti tista’ tgħaddi għas-sentenza fuq l-iskorta tal-proċeduri bil-miktub.
Il-Qorti però mhix ser tgħaddi biex tagħti s-sentenza qabel ma tkun fetħet il-Qorti u qabel ma’ jkunu saru n-noti formali ta’ konferma mill-avukati, bl-intendiment illi appena tiftaħ il-Qorti u jsiru n-noti formali, tkun tista’ tgħaddi biex tagħti s-sentenzi kemm jista’ jkun malajr.
Il-Kamra tappella lill-avukati li biex jikkooperaw fl-implementazzjoni ta’ din il-miżura.