Illum il-ġurnata blokka ta` appartament tista’ tkun soġġett għal l-Att dwar il-Condominia (Kap. 396 tal-Liġijiet ta` Malta). Dan l-Att jirregola kif il-partijiet komuni ta` blokka li taqa’ taħt id-definizzjoni ta` condominium għandhom jiġu amministrati.
Il-Kapitolu 398 tal-Liġijiet ta` Malta jispjega li condominium huwa bini jew grupp ta’ bini fejn il-proprjetà jew l-użu jew it-tgawdija tal-partijiet komuni tiegħu huwa ta’ żewġ persuni jew iktar, liema partijiet komuni ma jkunux diviżibbli, biss il-proprjetà tad-diversi oqsma separati hija tal-istess żewġ persuni jew iżjed. Tajjeb ikun aċċennat li, fejn fond wieħed ikun sovrastatni fuq ieħor, u jkun hemm biss għadd ta’ servitujiet tal-fondi fuq xulxin bħal fejn il-katusi, jew is-sistema tad-drenaġġ, jew fejn żewġ fondi jew aktar għandhom biss taraġ komuni minn barra, fost oħrajn identifikati fl-Att, dawn m’għandhomx jitqiesu bħala condominium. Jiġifieri meta per eżempju ikollok żewġ mezzanin liema jkollhom xi servizzi bħal dawk imsemmija aktar il-fuq in komuni dan ma jfissirx li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ condominium.
L-Att ma jagħtix definizzjoni speċifika tal-amministratur iżda wieħed jista’ jikkunsidra l-amministratur bħala l-persuna innominata mis-sidien tal-fondi rispettivi li jifformaw parti mill condominium. L-Att ukoll jispeċifika fid-dettall il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal l-amministratur u kif għandu jimxi matul il-kariga tiegħu. Ir-rwol tal-amministratur skont din il-liġi huwa kemxejn aktar definit milli kien fid-dispożizzjonijiet relattivi tal-Kodiċi Ċivili (Kap. 16 tal-Liġijiet ta` Malta).
Tajjeb ikun aċċennat illi l-ħatra tal-amministratur għanda tkun innotifikata lir-Reġistratur tal-Artijiet sabiex ismu jkun imniżżel fir-reġistru tal-amministraturi u b`hekk kullħadd ikollu aċċess sabiex ikun jaf min huwa l-amministratur ta` condominium partikolari.
Il-funzjonijiet primarji tal-amministratur jinkludu l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda fil-laqgħat tal-condomini u li jiżgura li s-sidien tal-fondi rispettivi li jifformaw parti mill-condominium josservaw kwalunkwe regola prevista mil-liġi jew mir-regolamenti tal-condominium. Di piu, l-amministratur huwa wkoll responsabbli biex jirregola l-użu tal-partijiet komuni tal-condominium u l-eżekuzzjoni tas-servizzi fl-interess komuni sabiex il-condomini kollha jiġu assigurati l-benefiċċju massimu possibbli.
Parti importanti mir-rwol tal-amministratur huwa li jaqsam l-ispejjeż meħtieġa għall-manutenzjoni, li jinkludu t-tiswijiet ordinarji u straordinarji, s-servizzi u l-alterazzjonijiet li jsiru fil- condominium, u dan dejjem għall-interess komuni. Huwa obbligat li jitlob l-miżata annwali sabiex isservi bħala kontribuzzjoni lejn xogħlijiet meħtieġa kif elenkati aktar il-fuq. L-Amministratur jista’ wkoll jistabbilixxi fond għal kull eventwalità li l-condomini għandhom jikkontribwixxu s-sehemhom.
Barra minn hekk, fost id-dmirijiet tiegħu l-amministratur għandu jwettaq dawn l-atti kollha meħtieġa għall-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-partijiet komuni.
Funzjonijiet oħra tal-amministratur jinkludu t-teħid tal-passi kollha neċessarji biex ikun hemm fis-seħħ assigurazzjoni adegwata tal-partijiet komuni.
Minbarra dak hawn fuq imsemmi, l-amministratur għandu, inter alia, d-dmir li jżomm reġistru bl-ismijiet u d-dettalji tal-condomini kollha; minuti tal-laqgħat miżmuma mill-condomini; u kopja ta’ l-avviżi mibgħuta lis-sidien tal-fondi rispettivi li jifformaw parti mill condominium għal tali laqgħat. Tajjeb ikun aċċennat li l-avviżi tal-laqgħat kollha għandhom jitwaħħlu fuq notice board liema għandu jkun iffissat f’parti komuni prominenti tal-condominium. Kwalunkwe deċiżjonijiet jew direttivi, meħuda waqt l-imsemmija laqgħat, li l-amministratur jidhirlu li huma ta’ importanza maġġuri li teħtieġ li jinġabu ai konjizzjoni tal-condomini għandhom jiġu ppubblikati fuq l-imsemmija notice board.
Meta l-condominium jistabbilixxi sett ta’ regoli mfassla speċifikament sabiex jirregola l-użu tal-partijiet komuni u t-tqassim ta’ l-ispejjeż relatati mal-partijiet komuni, inklużi dawk dwar il-preservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ l-istess partijiet komuni, l-amministratur għandu l-obbligu li jirreġistra dawn r-regoli ma` l-awtorità kompetenti. Importanti li meta wieħed ikun qed ifassal dawn ir-regoli jieħu parir legali.
Tajjeb ikun issottolinjat li l-Att jagħti r-rappreżentanza legali u l-kapaċità ġudizzjarja tal-condominium lill-amministratur sabiex ikun jista’ jħarrek kemm-il condomini kif ukoll terzi. Interessanti l-fatt li jekk l-amministratur ma jwettaqx id-dmirijiet tiegħu kif suppost dan jista’ jinżamm responsabbli għad-danni.
Dan l-artiklu huwa miktub minn Dr Natalino Caruana De Brincat LL.D. u jagħti ħarsa ġenerali lejn l`Att dwar il-Condominia u m’għandux ikun interpretat bħala xi parir legali. Minħabba l-fatt li l-artiklu jkun limitat b’numru ta’ kliem, ma jkunx possibbli li jiġu ndirizzati l-provedimenti kollha tal-liġi u s-sitwazzjonijiet kollha relatati ma` l-amministrazzjoni ta` condominium.