Stqarrija tal-Kamra tal-Avukati

Illi in segwitu għal artikolu illi deher fuq is-sit elettroniku ta’ One News fejn ġie rapport illi l-avukat Paul Borg Olivier kien ippresenta protest gudizzjarju kontra diversi esponenti għolja fil-pajjiż inkluż il-Prim Minsitru in konnessjoni ma l-imwiet ta’ xi immigranti fuq il-baħar, il-Kamra tal-Avukati kiteb lill-head of news tal-istess sit fejn ilmentat mill-fatt illi l-artikolu in kwisjtoni kien inkiteb b’mod li ma jirriflettix il-fatt li l-Avukat Borġ Olivier kien qiegħed jaġixxi fil-vesti tiegħu t’avukat.  L-istess artiklu kien jagħti l-impressjoni illi l-avukat Borg Olivier donnu fetaħ xi proċeduri personalment, daqs li kieku kien hu l-parti li kienet qed tagħmel l-allegazzjonijiet fil-protest in kwistjoni.

Il-Kamra tal-Avukati spjegat in oltre illi meta avukat jiffirma protest ġudizzjarju jew atti ġudizzjarji oħra, jkun qiegħed jagħmel hekk biss għan-nom tal-klijent tiegħu jew tagħha u allura mhux hu li jkun fetaħ il-proċeduri iżda propju il-klijent jew klijenti tiegħu, l-avukat sempliċiment jiffirma l-att bħala l-persuna li tkun ippreparat dak l-att, u mhux neċessarjament li dak l-istess att jirrifletti dak li jaħseb l-avukat, iżda biss dak illi jaħseb il-klijent tiegħu.

Il-Kamra fl-aħħar net ilmentat mill-fatt illi r-rappurtaġġ ma kienx wieħed korrett u li kien qiegħed iservi biex il-qarrej jieħu impressjoni mhux ġusta ta’ dak illi jkun fiħ l-artikolu konċernat tant illi kien hemm ħafna attakki personali fil-konfront tal-avukat Borg Olivier fuq il-media soċjali.

Il-Kamra tal-Avukati tosserva b’dispjaċir kbir illi minkejja li permezz tal-ittra inġibdet l-attenzjoni tal-media ta’ One jidher illi kemm l-istess media kif ukoll membru parlamentari Ewropew Alex Agius li baqgħu jindirizzaw i-kwistjoni bħallikieku l-avukat Borg Olivier kien hu il-parti fl-att ġudizzjarju, mingħajr biss ebda kunsiderazzjoni tal-fatt li kien qiegħed sempliċiment jaqdi dmiru bħala avukat lejn il-klijenti tiegħu.

Il-Kamra tal-Avukati tikkundanna bla riservi, kwalunkwe aġir li b’xi mod jimmedesima lill-avukat mal-klijent tiegħu, u bl-iskuża ta’ hekk allura jagħti lok għal kritika bla rażan fil-konfront ta’ membru tal-professjoni legali meta dan qiegħed biss jaqdi d-dover tiegħu bħala avukat.  Il-ġurnalista serju għandu jagħraf illi r-rwol tal-avukat f’soċjetà ħielsa huwa dak illi jiddefendi w jissalvagwardja d-drittijiet tal-klijenti tiegħu w allura mhuwiex aċċettabbli w qatt ma jista’ jiġi ġustifikat attakk fuq avukat illi jkun sempliċiment qiegħed jaqdi d-dover tiegħu skont il-ġurament tiegħu tal-ħatra.

 

22 ta’ Mejju 2020