Illi in segwitu għal artikoli li dehru fuq is-siti elettroniċi ta’ “Truth be Told” u “Shift News” fil-kors ta’ dawn l-aħħar ġranet, fir-rigward tal-avukat Aaron Mifsud Bonnici u rwol tiegħu fl-Enemalta u bħala avukat tal-eks Ministru Konrad Mizzi. L-istess rappurtaġġ jagħti l-impressjoni illi l-avukat Mifsud Bonnici donnu aġixxa f’xi vesti personali u mhux bħala avukat u qegħdin isiru allegazzjonijiet jew inferenzi fil-konfront tal-avukat Mifsud Bonnici bażati fuq il-fatt li s-sur Mizzi huwa klijent tiegħu.
Il-Kamra tal-Avukati tfakkar illi avukat jaġixxi f’isem il-klijent tiegħu. Kemm meta jiffirma atti ġudizzjarji jkun qiegħed jagħmel hekk biss għan-nom tal-klijent tiegħu jew tagħha u allura jkun qiegħed jesprimi l-pożizzjoni tal-istess klijent; kif ukoll f’każ ta’ konsulenza lill-klienti tiegħu ikunu sempliċiment qiegħed jagħti parir u ma jistax jiġi medesimat mad-deċiżjoni li jkun għamel il-klijent tiegħu. Mhux korrett illi wieħed jattribwixxi lill-avukat allegazzjonijiet, huma x’inhuma, li forsi jista’ jagħmel fil-konfront tal-klijent ta’ dak l-istess avukat għaliex b’hekk tkun qed tiġi mittiefsa l-professjonalità tal-avukat minħabba allegati nuqqasijiet tal-klijent tiegħu.
Il-Kamra tal-Avukati tikkundanna bla riservi, kwalunkwe aġir li b’xi mod jimmedesima lill-avukat mal-klijent tiegħu, u bl-iskuża ta’ hekk allura jagħti lok għal kritika bla rażan fil-konfront ta’ membru tal-professjoni legali meta dan qiegħed biss jaqdi d-dover tiegħu bħala avukat. Il-ġurnalista serju għandu jagħraf illi r-rwol tal-avukat f’soċjetà ħielsa huwa dak illi jiddefendi w jissalvagwardja d-drittijiet tal-klijenti tiegħu w allura mhuwiex aċċettabbli w qatt ma jista’ jiġi ġustifikat attakk fuq avukat illi jkun sempliċiment qiegħed jaqdi d-dover tiegħu skont il-ġurament tiegħu tal-ħatra.
28 ta’ Gunju 2020