Seduti Telematici – Qorti tal-Appell Tielet Sezzjoni

 

Il-Kamra tal-Avukati tixtieq tavża lill-avukati kollha illi fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż, u sabiex jiġi fejn possibbli evitat li nies jiġu l-qorti, is-seduti tat-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell (li normalment isiru nhar ta’ Ħamis) sejrin bi prova jsiru virtwalment permezz ta’ MS Teams. Peress illi l-Qorti tal-Appell ġeneralment ma tismax xhieda, hija l-aħjar qorti li tibda tesperimenta dan is-sistema, partikularment meta ġià nżammu f’okkażjoni preċedenti seduti oħra li rnexxew.

Peress illi fl-istess ġurnata tas-seduta quddiem it-Tielet Sezzjoni jista’ jkun hemm seduti oħra li jinżammu fiżikament, u għalhekk xi avukati jkunu l-qorti u ma jistgħux jikkolegaw telematikament mill-uffiċċju tagħhom, sejrin isiru arranġamenti biex il-qorti tkun kollegata mal-awla tal-Qorti tal-Appell, fejn ikunu preżenti mħallef wieħed u reġistratur, u l-avukati li jkunu l-qorti jsegwu l-proċeduri minn hemmhekk.

Il-ħsieb hu li l-ewwel seduta li ssir b’dan il-mod tkun dik tal-Ħamis 22 ta’ Ottubru 2020.

 

Kamra tal-Avukati

19 t’Ottubru 2020