Komunikat Kamra tal-Avukati

 

KOMUNIKAT KAMRA TAL-AVUKATI

19 November 2020

Il-Kamra tal-Avukati tixtieq tinforma l-membri tagħha u l-pubbliku ġenerali li in segwitu għal ilment mill-Avukat Charles Mercieca, kitbet lill-On. Ministru Camilleri biex tirrapporta l-inċident li ġara fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin nħar is-16 ta’ Novembru, u talbet lill-Ministru jieħu azzjoni u jinvestiga dan ir-rapport.

L-avukat Charles Mercieca mar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex ikun jista’ jiltaqa mal-klijent tiegħu u jipprepara għal kawża li kellha tinstema nhar is-17 ta’ Novembru 2020. Waqt li kien qiegħed fl-istess faċilità kien assoġġetat, b’mod abbuziv u intollerabbli, għal kondotta ntiza speċifikament biex tindimidaħ fil-qadi ta’ dmirijiet tiegħu bħala avukat, xejn anqas mid-Direttur tal-Habs Alex Dalli.  Il-Kamra ma tistax, u mhux ser taċċetta kondotta da parti ta ebda uffiċjal pubbliku li, fi kliemu stess iħoss li huwa l-fuq mil-liġi u li juża l-għajjat, kliem ħazin, u l-presenza ta’ uffiċjali oħra subordinati tiegħu biex f’ attentat ta’ dimostrazzjoni ta’ forza jintimidaw avukat li kien qiegħed sempliċiment jaqdi d-doveri tiegħu lejn il-klijent tiegħu.  Il-fatti li taw lok għal dan l-inċident diġà ġew rappurtati f’ċertu dettal fil-media lokali.

Huwa evidenti, fl-ilment tal-Av. Mercieca, li l-aġir tad-direttur tal-Ħabs, fl-aħjar ipoteżi jikkostitwixxi kondotta ta’ mistħija min uffiċjal pubbliku fil-konfront t’avukat li kien qiegħed jaqdi d-doveri tiegħu; fl-agħar ipoteżi hija ostruzzjoni ċara u lampanti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja min-uffiċjal tal-qorti; u abbuż  ta’ poter, b’kondotta ntiża biss biex tintimida lill-avukat konċernat. Dan huwa kollu evidenzjat  għaliex jirrizulta mill-footage ta’ CCTV cameras li hemm fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Kamra tal-avukati għalhekk:

  1. oġġezzjonat bil-qawwa kollha u kkundannat mingħajr riserva l-aġir intimidatorju mid-direttur tal-Ħabs u l-uffiċjali li akkumpanjawħ fil-konfront tal-avukat konċernat;
  2. Talbet li d-direttur tal-ħabs jieħu r-responsabbilità kollha tal-kondotta tiegħu; u fin-nuqqas;
  3. Talbet is-sospensjoni tal-istess direttur mill-qadi tad-doveri tiegħu sakemm issir inkjesta ndipendenti dwar dan l-inċident;
  4. U talbet li tiġi ordnata nkejsta fuq l-akkadadut minnufiħ.

Il-Kamra tal-Avukati tibqa tisħaq illi filwaqt li huwa dritt fondamentali ta’ kwalunkwe persuna li jkun assistit min avukat biex jiddefendi ruħhu kontra akkużi li jkunu qedgħin isiru fil-konfront tiegħu, dan id-dritt għandu jiġi salvagwardat u protett, partikularment mill-istituzzjonijiet pubbliċi fil-pajjiż u jingħata effett billi l-avukati li jidħlu l-ħabs biex jassistu lill-klijenti tagħhom jiġu trattati fil-limiti tad-deċenza u kortesija li jistħoqqilhom u mingħajr il-biza jew intimidazzjoni da parti tal-awtoritajiet tal-Ħabs.