L-Aħħar Seduta tal-Onor. Imħallef Joseph Zammit McKeon

Diskors tal-President tal-Kamra tal-Avukati fl-okkażjoni tal-aħħar seduta tal-Imħallef Joseph Zammit McKeon nhar it-18 ta’ Marzu 2021


Sur Imhallef,

Sur Prim’ Imhallef

Sinjuri Imhallfin u Magistrati

Sur Avukat tal-Istat

Sur Direttur Generali tal-Qrati

Sinjuri mistiedna,

Kollegi Avukati u Prokuraturi Legali

Kif titlob it-tradizzjoni f’dawn il-Qrati fl-okkazjoni ta’ l-aħħar seduta ta’ ġudikant – għan nom tal-korp tal avukatura, il-President tal-Kamra jagħmel diskors ta’ ringrazzjament u apprezzament lill-ġudikant li jkun wasal biex jritira mill-bank tal-ġudikatura u wkoll biex nawgura lill-Imħallef Sedenti għall-aħħar darba f’din l’Awla dak kollu illi tixtieq qalbu fis-snin li ġejjin lil hinn mill-bank tal-ġudikatura u dawn il-Qrati, fejn qatta’ parti kbira minn ħajtu għal dawn l-aħħar 40 sena, 27 bħala avukat u l-aħħar 13 bħala imħallef.  Nieħu wkoll din l-opportunità biex nawguralek f’għeluq il-65 sena tiegħek, propju għada.

Kont qiegħed nispera, kif naħseb li kienu wkoll qegħdin jagħmlu l-kollegi tiegħi fl-avukatura, li s-sinjurija tiegħek kienet ser tavalixxi ruħha mill-emendi fil-Kostituzzjoni li permezz tagħhom l-età li fiha ġudikant għandu jirtira zdiedet min 65 għal dik ta’ 68.  L-isperanza kient li s-sinjurija tiegħek kienet għalhekk ser tibqa sservi fuq il-bank tal-ġudikatura almenu għal tlett snin oħra.  Mingħajr ma nidħol fir-raġunijiet li għalihom inti ddeċidejat li nonostante dan tirtira, raġunijiet li huma u għandhom jibqgħu personali, l-animu ta’ dik l-isperanza mhux għajr ix-xewqa li naħseb ilkoll kemm aħna, partikolarment dawk l-avukati li jaħdmu fid-dritt kummerċjali,  li jibqu jarawk tippresjedi is-Sezzjoni tal-Kummerċ bl-effiċjenza, r-rettezza, serjetà u l-kompetenza li wrejt fl-aħħar 13 il-sena. Anzi oltre, illi lkoll kemm aħna nistgħu nibqgħu nusufruwixxu mill-esperjenza li issa ġemmajt matul dawn is-snin f’kamp ċertament mhux faċli.  Kull min ser jieħu l-inkarigu ta’ din l-awla warajk ser ikollu żarbun pjuottost kbir x’jimla.

Sur Imħallef, naħseb illi l-aktar karatteristika li spikkat fil-karriera tiegħek ta’ ġudikant fl-aħħar 13 il-sena hija propju il-preparazzjoni tiegħek.  Naħseb ma nkunx qiegħed niżvela xejn ġdid jekk ngħid li fil-karriera tiegħek t’avukat ma kellekx xi speċjalizzazzjoni partikolari fil-qasam tad-dritt soċjetarju u meta allura gejt assenjat l-inkarigu li tisma’ kawzi konnessi mad-dritt soċjetarju wieħed seta’ kien pjuttost xettiku.  Pero, fi ftit zmien malajr irnexxilek tegħleb kwalunkwe xettiċizmu u tajt proprju l-ezempju li d-dedikazzjoni u l-preparazzjoni huma l-aqwa għodda f’idejn kull min irid ikollu għarfien sħiħ tal-liġi u verament ikun professjonista serju. B’dedikazzjoni u paċenzja jidher illi bqajt tistudja propju biex tkun aktar preparat fil-kamp u biex ikollok pedament dejjem aktar sod fil-kamp soċjetarju u kummerċjali.  Dawn huma zewġ karatteristiċi li kull avukat u/jew ġudikant li verament irid ikollu l-għarfien tal-professjoni għandu jemula mingħajr eċċezzjoni.  Il-preparazzjoni hija ċ-ċavetta ta’ ħafna bibien, pero tirrikjedi d-dedikazzjoni sħiħa lejn il-professjoni kemm jekk fil-kamp tal-avukatura u kemm jekk f’dak ġudizzjarju.  Hija wkoll il-qofol ta’ l-ispeditezza u effiċjenza.  Diffiċli li wieħed jista’ jkun spedit u effiċjenti jekk m’għandux l-għarfien sħiħ tal-liġi kemm sostantiva kif ukoll dik proċedurali – pero għal darb’oħra hija biss il-preparazzjoni li tista ttik dak it-tip t’għarfien sħiħ li jippermettu ġudikant li jiddeċiedi b’livell ta’ kunfidenza.

Il-preparazzjoni kienet ukoll sintomatika fil-mod ta’ kif dejjem mexxejt l-awla tiegħek. M’hemm l-ebda dubbju li ’l-każijiet li kien ikollok quddiemek kont tkun tafhom fuq ponot subajk, kont tkun studjajt l-atti bir-reqqa, u ġustament, miskin hu dak l-avukat li ma kienx ikun preparat.  Dan l-atteġġjament kien xprun importanti għall-avukati li kienu jidhru quddiemek li jkunu anki huma studjaw il-kaz sew u li jkunu ppreparati.  Dan l-atteġġjament kien proprju il-qofol tar-reputazzjoni tiegħek bħala a no nonsense Judge.  Jista’ jkun li m’għamiltx il-ħajja ta’ numru minna faċli – però naħseb illi kullħadd japprezza illi kont strumentali biex b’mod ġenerali tgħolli l-kwalità – u li qatt ma ippretendejt mill-avukati quddiemek dak illi int stess ma kontx preparat li tagħmel.

Id-dedikazzjoni tiegħek kienet ukoll t’ezempju. Kont sensittiv għall-urġenza li ċerti kazijiet li jidhru quddiemek seta’ kellhom. Dejjem kont disponibbli biex fejn iċ-ċirkostanzi kienu jitolbu ma kellekx problema li b’impenn ta’ serjetà u għarfien sħiħ tar-rwol tal-inkarigu tiegħek, b’għarfien li ħafna drabi fl-awla tiegħek kont qiegħed taġixxi ta’ pont fejn jiltaqgħu id-dinja dinamika tal-kummerċ u dik aktar tradizzjonalistika tal-Qrati,  u tkompli tisma’ kawza f’qasir zmien u b’tempistika ta’ ġranet flok xhur bejn seduta u oħra.  F’ċerti ċirkostanzi anki minn fil-għodu għal wara nofs in-nhar. Fil-kultura ġenerali tagħna din kienet u sa ċertu punt għada mentalità differenti, pero nifs ġdid għas-sistema.

Nieħu wkoll pjaċir infakkar li inti wkoll kont sirt imħallef wara karriera fil-prattika privata bħala libero professsjonista.  L-isfond tiegħek bħala avukat fil-privat naħseb illi kien kruċjali fil-formazzjoni professjonali tiegħek u allura ġibt miegħek fuq il-bank tal-ġudikatura anki dik l-esperjenza ta’ kuntatt dirett mal-klijenti.  Irnexxilek tgħaddi mil-perjodu ta’ transizzjoni– bejn li tkun avukat u allura di parte; għal ġudikant fejn huwa neċċessarju  id-distakk mill-partijiet. Mhux kull avukat, bravu kemm hu bravu, huwa neċessarjament maqtugħ għall-kariga u l-impenn rikjest minn gudikant.  Jirrizulta li inti din it-transizzjoni għamiltha b’suċċess u f’qasir zmien.

Sur Imħallef inti tul il-karriera tiegħek fil-ġudikatura servejt f’kull qasam tax-xoghol ta’ ġudikant fil-Prim’Awla,  u għalkemm naħseb illi l-aktar illi spikkat hija probabilment il-prestazzjoni tiegħek fis-Sezzjoni tal-Kummerċ, ma nistax ninsa li tul iz-zmien kellek l-inkarigu ti tiddiecidi kawzi oħra ċivili u anki kostituzzjonali, apparti xogħol fil-Qorti tal-Appell. Mingħajr tlaqliq ngħid li rrnexxielek tibni reputazzjoni mill-aqwa mal-avukatura.  Is-sinjurija tiegħek taf, li aħna bħala professjoni nistgħu inkunu pjuttost ħorox fi kliemna, partikolarment meta si tratta ta’ kritika fil-konfront tal-bank tal-ġudikatura – u allura meta ġudikant jirnexxilu jibni reputazzjoni daqshekk tajba fil-professjoni, li bħala professjoni lkoll konna qedgħin nisperaw li ma tirtirax u tkompli sservi fuq il-bank tal-ġudikatura, naħseb li ftit jistgħu ikunu l-kliem li proprju jartikolaw b’mod aktar elokwenti l-impatt li inti ser tħalli warajk. Kellek il-fiduċja sħiħa tal-professjoni, kont tispira l-kunfidenza f’dawk li jittrattaw quddiemek u fuq kollox li inti ppreparat u allura, anki jekk wieħed ma jaqbilx mal-ezitu ta’ deċizjoni tiegħek, ilkoll nafu li kienet tkun sentenza studjata u ppreparata.

Sur Imħallef, il-prestazzjoni tiegħek kemm ilek fuq il-bank tal-ġudikatura tesprimi b’mod qawwi dawk li għandhom ikunu l-kwalitajiet prinċipali ta’ min jieħu l-kariga bis-serjetà li tinħtieġ.  Kull min għandu l-aspirazjoni li jsir imħallef naħseb jagħmel sew li jżomm quddiemu l-eżempju tiegħek – imsejjes fuq id-dedikazzjoni, preparazzjoni, rettezza u serjetà.

Nieħu din l-okkazjoni sabiex għan nom tal-korp tal-Avukati qabel xejn nirringrazzjak tad-dinjità u integrità li biha servejt fil-kariga tiegħek fuq il-bank tal-ġudikatura; u nawguralek li issa li ser tirtira tkun tista tiddedika aktar ħin għal dawk l-affarijiet li dejjem xtaqt tagħmel u li d-dedikazzjoni tiegħek lejn il-professjoni ma ħallitlekx biżżejjed ħin li tiddedika biżżejjed ħin għalihom.

Nawguralek.

 

Illum 18 ta’ Marzu 2021

Louis de Gabriele

President – Kamra tal-Avukati