February 2022
Illum il-ġurnata, wieħed jista’ jgħid li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni attiva qeda f’ impjieg sħiħ u dan jfisser li il biċċa kbira tal-ħaddiema huma suġġett għal relazzjoni kuntrattwali u cioe dik magħrufa bħala il-kuntratt ta’ l-impjieg.
Kull impjegat għandu d-dritt għal-informazzjoni dwar l-impjieg tiegħu, u l-liġi Maltija timponi obbligu fuq min jħaddem sabiex jipprovdi informazzjoni bażika lil impjegati tiegħu dwar il-kundizzjoni tal-impjieg kif ukoll id-drittijiet li wieħed jgawdi.
Fost dawn il-kundizzjonijiet, wieħed għandu jkun informat b’kemm ġranet għandu bħala leave, b’kemm hija l-paga fis-siegħa jew fix-xahar u bosta drittijiet oħra. Huwa importanti li kull impjegat jkun jaf il massimu ta’ siegħat li għandu jaħdem fil-ġimgħa ma għadhomx jaqbżu it-tmienja u erbgħin (48) siegħa. Jiġifieri erbgħin (40) siegħa bir-rata normali tal-paga u massimu ta` tmien siegħat bħala sahra fejn il-ħlas tal-paga għandu jkun bis-siegħa, siegħa u nofs. Jista’ jagħti il-kas li l-impjegat jaħdem aktar minn tmienja u erbgħin siegħa (48) iżda dan għandu jkun biss bil-kunsens tiegħu, liema kunsens għandu jkun dejjem bil-miktub.
Meta wieħed jagħmel referenza għal kuntratt ta` impjieg jrid jagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta` kuntratti u cioe dak definit u dak indefinit.
Fil-kaz ta` kuntratt indefinit, wieħed jkollu biss l-informazzjoni ta` meta jibda l-impjieg iżda l-informazzjoni ta’ meta jispiċċa l-impjieg ma tkunx imniżżla. Dan għaliex l-impjieg jispiċċa biss ma l-irtirar tal-impjegat mil-ħajja lavorativa, jew f’sitwazzjonijiet ikkontemplati mil-liġi, bħal ma huma terminazzjoni fuq bażi ta nuqqas ta` xogħol.
Mil banda l-oħra, meta l-impjieg jkun suġġett għal kuntratt definit il-perjodu tal-impjieg jkun stipulat b’ informazzjoni tal-bidu tal-impjieg kif ukoll ta` meta l-istess impjieg ser jkun it-terminat. Dan jfisser li l-impjieg jkun garantit biss għal dak il perjodu hemm stipulat fil-kuntratt. Tajjeb jkun issottolinjat li fil-każ ta` kuntratt definit, meta għal xi raġuni wara il-perjodu ta` prova wieħed mil-partijiet jiddeċiedi jittermina il-kuntratt, dan ta’ l-aħħar jkun suġġett jħallas penali favur il parti l-oħra. Din il penali tammonta għal nofs il paga li jkun fadallu jitħallas l-impjegat li skond il-każ jkollha titħallas mil-impjegat jew min qed jħaddmu.
Kif smajna fl-aħħar ġranet, L-Unjoni Ewropea ukoll hija konxja bid-drittijiet li għandhom l-impjegati u għalhekk hemm abbozz ta` direttiva li qed tkun diskussa quddiem il-Parlament Ewropew fejn il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li f perjodu qasir minn meta jiġi kkonfermat l-impjieg il-persuna li tkun ser tħaddem tkun obbligata tagħti kuntratt d`dettaljat lil impjegat.
Għalhekk tajjeb li wieħed jżomm ruħu aġġornat dwar xi drittijiet għandu fuq il-post tax-xogħol u dan sabiex ir-relazzjoni industrijali bejn il-ħaddiem u min jħaddem tkun dejjem ċara.
Dan l-artiklu huwa miktub minn Dr. Natalino Caruana De Brincat u jagħti ħarsa ġenerali lejn ligijiet relatati mal-impjieg u m’għandux ikun interpretat bħala xi parir legali. Minħabba l-fatt li l-artiklu jkun limitat b’numru ta’ kliem, ma jkunx possibbli li jiġu ndirizzati l-provedimenti kollha tal-liġi.