Stqarrija għall-istampa – Kamra tal-Avukati – 24.01.2024

 

Stqarrija għall-istampa

Il-Kamra tal-Avukati fil-jiem li għaddew ħadet għarfien tad-dokument ta’ konsultazzjoni maħruġ mill-Ministeru għall-Ġustizzja u aktar kmieni illum waslet l-osservazzjonijiet lil Ministru għall-Ġustizzja.

Il-Kamra tal-Avukati tinnota b’sodisfazzjon it-tnedija tal-proċess konsultattiv tar-riforma sabiex il-ġustizzja mal-vittmi tad-droga tkun aktar effettiva u tiddikjara ruħha fi qbil fil-prinċipju ma’ din ir-riforma u ma’ numru tal-proposti imressqa f’ dan id-dokument iżda għandha tħassib dwar uħud minnhom.

Il-Kamra, fost pożiżżjonijiet oħra mittieħda dwar dan il-proċess konsultattiv, ddikjarat il-pozizzjoni tagħha dwar il-piena t’ għomor il-ħabs għat-traffikar ta’ sustanzi illeċiti li temmen m’għadx hemm postha fis-Soċjetà Maltija u għalhekk lanqas fil-liġijiet tagħna. Wasal iż-żmien li ż-żewġ partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament ta’ Malta jirrikonoxxu li din il-piena, drakonjana u li ma teżisti fl-ebda pajjiż demokratiku, għandha titneħħa mill-kodiċi tal-liġijiet tagħhna.

Il-Kamra ddikjarat li qed taqbel mal-proposta fid-dokument konsultattiv li persuni akkużati b’ reati ta’ traffikar ta’ sustanzi illeċiti jistgħu jagħżlu li l-ġuri tagħhom jinstema mingħajr ġurati, dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba iżda mhux biżżejjed.

Il-Kamra ddikjarat li temmen li wasal iż-żmien fejn is-sustanzi illeċiti għandhom jiġu klassifikati f’ żewġ kategoriji, A u B, peress li llum nirrikonoxxu bil-Liġijiet tagħna stess li s-sustanzi lleċiti mhumiex kollha tal-istess natura.

Dwar l-ammont ta’ droga proposta sabiex persuna jikkwalifika li jmur quddiem il-Bord Rijabiljattiv, il-Kamra temmen li dan għandu jkun benchmark u mhux tassattiv sabiex ma jsirux inġustizzji mal-vittmi frott ir-riġidita tan-numru propost.

Il-Kamra jidrilha li l-emenda proposta dwar l-awment fil-kwantita ta’ sustanzi, amenda għar-raba’ skeda tal-Kapitoli 31 u 101, tirrigwarda biss emenda fil-linji gwida għad-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali. Hemmehkk hemm imniżżla l-ammonti ta’ droga li jistgħu jittieħdu bħala indikazzjoni sabiex persuna ma tiġix riferita għall-kawża quddiem il-Qorti Kriminali, ergo ġuri. Il-Kamra iddikjarat li taqbel mal-awment propost peress li dan mhux biss għax huwa ġust u mhux ser jaffettwa l-akkużi li jistgħu jiġu intavolti kontra kull akkuzat, iżda wkoll għaliex ser jgħinu biex jitnaqqsu il-proċeduri quddiem il-Qorti Kriminali.

Finalment il-kamra tirringrazzja lis-sotto kumitat tagħha responsabbli għall-qasam penali għax-xogħol li wettqet fuq dan id-dokument.

 

Il-Kamra tal-Avukati

Maħruġ illum 24 ta’ Jannar 2024