Stqarrija għall-istampa
Maħruġ illum, 10 ta’ Mejju 2024
Malta u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Seminar organiżżat mill-Kamra tal-Avukati bil-kooperazzjoni tad-Diviżjoni tal-Ilsien Malti fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fl-għoxrin anniversarju tal-adeżjoni ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea – 10 ta’ Mejju 2024, Dar l-Ewropa.
————————
Diskors ta’ Dr Peter Fenech, President tal-Kamra tal-Avukati
L-Unjoni Ewropeja mill-Perspettiva Maltija
Grazzi Sinjuri Imħallfin, Ministru, Mistiednin distinti u Kollegi.
Huwa pjaċir tiegħi illum inqatta ftit minuti nesprimi l-ħsibijiet tiegħi dwar dan l-anniversarju u kif dan laqat u qiegħed jolqot il-professjoni legali kull jum.
L-ottika tad-diskors tiegħi naturalment hija ffukata fuq l-aspettattiva tal-professjoni legali, Maltija u Għawdxija, illum li mill-ġurnata tas-sħubija għaddew għoxrin sena.
Ħafna minna hawn ġew kellhom l-opportunita personalment jgħixu l-effetti tas-sħubija fuq il-professjoni, minn lat jew ieħor. Iżda tajjeb li llum nieqfu nirriflettu sewwa kif il-professjonisti ġewwa xtutna jaraw l-Unjoni Ewropeja, kif ukoll il-gwadann mis-sħubija tagħna fiha.
Naħseb li ilkoll naqblu li minkejja d-diffikultajiet li nirriskontraw bħala professjoni fit-tħaddim tal-liġijiet ewropej, l’s-sħubija ġabet magħha aktar vantaġġi minn żvantaġġi kemm għalina professjonisti u għal poplu li jisserva mill-professjoni tagħna.
Għalina li naħdmu fil-professjoni lokalment ir-realta ġġib magħha diversi sfidi.
Iżda fiċ-ċirkostanzi li qiegħed jgħix pajjiżna llum, huwa dmir tiegħi li l-ewwel u qabel kollox nitfa’ d-dawl fuq wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom hi msejsa l-Unjoni Ewropea – il-prinċipju li l-ebda persuna mhix meqjusa ‘l fuq mill-liġi u li kulħadd hu soġġett għas-saltna tad-dritt u għall-ġustizzja kif applikata mill-Qrati tagħna.
Intom tafu li l-Kamra tal-Avukati qatt ma qagħdet lura, u qatt mhu ser toqgħod, milli titkellem u taġixxi biex tara li dawn il-prinċipji jitwettqu fil-ħajja ta’ kuljum tal-poplu tagħna. Jekk l-attakki fuq il-ġudikatura li qed nassistu għalihom f’dan iż-żmien mhumiex aċċettabbli għall-diversi setturi fil-Pajjiż, wisq aktar mhumiex aċċettabbli għall-Kamra tal-Avukati.
Tajjeb ngħid li s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea illum tagħtina għodda importanti li nistgħu nirrikorru għaliha biex niddefendu s-saltna tad-dritt, l-indipendenza, l-imparzjalità u l-unkolumità tal-gudikanti – imħallfin u maġistrati. Nittamaw li l-valuri li bil-fomm kulħadd jistqarr f’din l-art ħelwa, ikunu il-valuri li fl-aħħar mill-aħħar jagħtu id-dehen lil min jaħkimha….
Mill-ħajja tagħna ta’ kuljum fil-professjoni tagħna nafu li l-Unjoni Ewropeja ġabet opportunitajiet kbar għal professjoni legali. Forsi fost l-akbar, fl-umli opinjoni tiegħi, ġabet l-aċċertazzjoni tal-liġijiet minn Qorti indipendenti oħra, żgur ħielsa minn diversi allegazzjonijiet li jistgħu jitressqu, u li bla dubbju jitressqu f’ pajjiz zgħir bħal tagħna ta’ sikwit. Il-fatt li wieħed jista’ jirrikorri ġewwa l-Lussemburgu, jagħti element ta’ serħan il-moħħ importanti għall-poplu taghna.
Naturalment is-sħubija ġabet magħha diversi opportunitajiet bħalma huma l-impjiegi fid-diversi taqsimiet, fid-diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll l-opportunita tal-iskambju tal-esperjenzi akkademici ma’ kollegi ewropej.
Nemmen li s-sħubija ġabet magħha effett kbir fejn jirrigwarda t-tiġdid tal-liġijiet. Filwaqt li lkoll naqblu li kien hemm bżonn aġġornament ta’ uhud mill-liġijiet tagħna… jiġu f’moħħi, liġijiet bħas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u l-liġijiet tal-kera u tal-proprjeta.
Ma nistax ma nesprimiex it-tħassib tal-professjonisti li qed isibuha ta’ sfida biex ilaħħqu jassorbu l-volum ta’ liġijiet li jsiru ġodda jew jiġu emendati minħabba d-Direttivi Ewropej. Nemmen ukoll li kultant il-politiku jsiba faċli jwahhal fl-Unjoni Ewropea għal xi ligi li jkun għadda hu stess meta jrid jkopri lilu innifsu minn xi element ta’ kritika li ssir mill-poplu.
Irridu nirrikonoxxu li l-Liġijiet mhumiex dejjem user friendly u dan iwassalni għal ħsieb ieħor, il-ħtiega tal-aġġornament tal-professjonisti għal-liġijiet fis-seħħ kif ukoll ta’ dawk li qed jitbiddlu jew proposti godda.
Jekk nibda bil-professjonisti, zgur li ma nistax ma nilmentax dwar in-nuqqas ta’ continued professional development f’dan il-qasam. Huwa evidenti nuqqas ta’ refresher courses fuq liġijiet importanti, fuq liġijiet li jaffettwaw lil professjoni tagħna, għarfien ta’ sentenzi ta’ importanza.
Huwa evidenti ukoll id-diffikolta tal-Kamra tal-Avukati li ssemma leħinha dwar liġijiet Ewropej, diffikoltajiet riżultat ta’ nuqqas ta’ rizorsi, nuqqas ta’ finanzjament fost affarijiet oħra sabiex wieħed jipparteċipa fuq l-istess livelli li bihom jippartecipaw għaqdiet ta’ Avukati Ewropej.
Dawn id-diffikoltajiet jittraduċu ruħhom imbgħad fin-numri li ma jqarqux. Ftit huma dawk ir-riferenzi li jintalbu lill -Qrati ta’ Lussumburgu, ftit huma l-appelli intavolati quddiem l-istess Qrati. Irridu, f’okkazjoni bħal dik tal-lum, nistaqsu l-għaliex, l-avukati Maltin u Ghawdxin mhumiex qiegħdin iħarsu lejn din l-opportunita, mhumiex jużufruwixxu ruħhom minn din l-opportunita daqs il-kollegi Ewropej, sabiex jassiguraw is-saltna tal-liġi interpretata korrettament.
Jiena infittex u naħseb fuq li raġuni prinċipali nikkonkludi li hemm in-nuqqas ta’ għarfien tas-sistema ġudizzjarja ewropeja :
Kif titħaddem,
Biex titħaddem,
Hijiex verament effettiva,
Għalxiex titħaddem,
X’tiswa lil klijent sabiex titħaddem.
Insaqsi ukoll jekk mill-Universita, aħniex qed nilħqu l-għanijiet tagħna f’dan is-suġġett? Fuq dan ma nafx biżżejjed.
Il-Kamra temmen f’dan it-tielet saff ta’ ġustizza iżda dan it-twemmin ma jridx jibqa biss fuq livell ideologiku jew filosofiku; hemm il-bżonn li jitħaddem aktar. Hemm bżonn ta’ intervent strateġiku li jwassal għall għarfien u użu aħjar tiegħu.
Il-Kamra temmen li hemm bżonn immedjat tal-introduzzjoni tal-Att li jirregola l-professjoni legali u dan ser iġib miegħu l-obbligu ta’ taħriġ kontinwu, dan is-suġġet u l-proċedura għandha tkun fost is-suggetti ewlenin ta’ dan it-taħriġ.
Taħrig li hemm bzonn fuq kull saff, l-Avukati, l-Ġudikanti kif ukoll il-pubbliku, għaliex le. Naċċertakom li hemm barra l-pubbliku ma jafx biżżejjed dwar dawn id-drittijiet tiegħu aħseb u ara kemm jaf bl-opportunita li jista jkollu, Qorti oħra li terġa tikkunsidra l-punt legali tiegħu.
Jiena nemmen li l-Avukati għadhom jaraw din l-opportunita ta’ saff ieħor ta’ ġustizzja, il-bogħod minn xtutna. Għalkemm l-entità finanzjarja tal-kawżi tagħna ġeneralment huma skont il-qies ta’ Pajjiżna, il-prinċipji involuti huma tal-istess importanza għaliex il-prinċipji ma jitkejjlux mill-qies tal-pajjiż.
Nemmen li lkoll flimkien għandna naħdmu aktar għall-għarfien, nemmen li dan l-anniversarju għandu jixpruna lilna ilkoll, inkluż il-Membri Parlamentari Ewropej, li fil-qasam tagħna ftit li xejn narawhom, issa li gejja l-elezzjoni narawhom aktar żgur mhux forsi, sabiex nikkreaw aktar għarfien, noħolqu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ sabiex pajjizna verament igawdi minn din l-opportunita.
Grazzi
Peter Fenech
President Kamra tal-Avukati.