Diskors tal-President ta’ l-Kamra ta’ l-Avukati – Ftuħ tas-sena Forensi 2024-2025
Avv. Peter Fenech
Eċċellenza President ta’ Malta
Sur President tal-Qrati
Onorevoli Ministru ta’ l-Ġustizzja
Sinjuri Imħallfin u Sinjuri Maġistrati
Sur Avukat Ġenerali
Sur Avukat tal-Istat
Sinjuri Prim’ Imħallfin Emeriti
Sinjuri Imħallfin u Maġistrati rtirati
Onorevoli Shadow Minister ta’ l-Ġustizzja
Sinjura Kap Eżekuttiv u Direttur Ġenerali ta’ l-Qrati
Sur President ta’ l-Kamra ta’ l-Prokuraturi Legali
Kollegi Avukati u Prokuraturi Legali
Kif titlob it-tradizzjoni bħala l-President tal-Kamra ta’ l-Avukati nilqa’ l-invit tiegħek, Sur Prim’Imħallef, biex nagħmel diskors qasir f’isem il-Kamra tal-Avukati, qabel ma inti wkoll tindirizzana bid-diskors tiegħek. Hija ċertament okkażjoni importanti li ġġib, possibilment l-unika darba, lilna ilkoll flimkien, aħna li inservu fis-sistema ġudizzjarja.
Huwa ta’ privileġġ għalija li, fir-responsabilitajiet li sħabi u l-kollegi afdawli, għat-tieni darba nerġa nindirizza l-għola awtoritajiet u l-artefiċi li flimkien nifformaw l-eco sistema ġudizzjarja u l-professjoni legali f’din iċ-ċerimonja tradizzjonali fl-okkażjoni ta’ l-ftuħ tas-sena forense.
Bħal ma għamilt is-sena l-oħra, nixtieq nieħu l-opportunità tal-lum sabiex l-ewwel nirrifletti ftit, b’mod oġġettiv u kritiku, fuq dak li seħħ fl-aħħar sena; it-tieni nelenkaw l-isfidi immedjati li aħna bħala Avukati flimkien mal-Ġudikatura, fl-interess suprem ta’ dawk kollha li jużaw is-servizzi tal-Ġustizzja, qed naffaċċjaw fil-qadi ta’dmirijietna; u t-tielet inħarsu lejn il-futur tal-professjoni tagħna, l-aspirazzjonijiet tagħna għas-sena li ġejja u snin ta’ wara.
Ippermettili, qabel inkompli, nirringrazzja lil dawk l-Avukati kollha, li matul din is-sena, jiena u sħabi tal-Kumitat, dorna fuqhom sabiex jgħinu lill-Kumitat fil-qadi u dmirijiet mitluba mill-Kamra. Din is-sena, waqqafna xejn anqas minn sittax il-sotto kumitat, sabiex flimkien mal-membri li aċċettaw, jaħdmu f’ dawn il-kumitati. Il-kamra kienet f’pozizzjoni li tagħti l-veduti tagħha dwar kwistjonijiet u oqsma li jinteressaw lill-professjoni, jew inkella meta ġiet mitluba minn istitutzzjonijiet oħra. Aħna tgħajna l-veduti fuq liġijiet kif ikoll il-pozizzjoni tagħna fuq numru ta’ emendi. Is-sotto-kumitati kollha iffunzjonaw, uħud kienu impenjati aktar minn oħrajn, iżda l-Kamra bis-saħħa ta’ dawn il-membri kienet prezenti u semmiet leħinha – minn pressjoni sabiex jitwaqqfu faċilitajiet ta’ child care, għal min jaħdem fil-professjoni, li sa issa ma twaqqfux; għal opinjoni fuq interpretazzonijiet varji ta’ diversi liġijiet; minn problema ta’ regoli dwar ħasil tal-flus sa problemi riskontrati minn Avukati li jaħdmu biss barra l-edifizju tal-Qorti, fost oqsma oħra.
Permezz tagħhom konna aktar preżenti u rilevanti fl-iżviluppi li seħħew u qed iseħħu lokalment u internazzjonalment. Grazzi Kollegi.
Is-Sena li għaddiet
Fil-qasam legali, għalina li naħdmu fil-Qorti, nemmen li ma kienetx sena faċli bl-isfidi li flimkien irrinfaċċajna. Sfidi, li lkoll xammarna sabiex naffaċċjawhom u nindirizzawhom, bl-għodda li kellna.
L-istatistika turi li aktar nies qiedgħin dejjem aktar jirrikorru lejn il-Qorti għal-kjarifika ta’ disputi, jew jitressqu fl-implimentazzjoni tal-ħaqq u l-ġustizzja. Il-pressjoni fuq il-Qrati hija hemm, hija evidenti għal kull minn irid ikun oġġettiv., Jinqatgħu kemm jinqatgħu kawżi, jidħlu daqshom ġodda jekk mhux aktar. L-inkjesti pubbliċi qed iżidu max-xogħol diġa’ qawwi. Importanti li lkoll nagħtu sehemna biex nikkordinaw il-ħidma tagħna ilkoll, il-ħidma bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Ġudikatura, l-Amministrazzjoni u l-Kamra tal-Avukati.
Is-Sena l-oħra, il-Karma tal-Avukati, f’ din l-istess okkażjoni kienet ħabbret il-proposta tagħha ta’ Ġustizzja 2030 – Justice 2030. Il-Kamra ifformulat din il-proposta u għaddiet dan il-qafas ta’ idejat lill-Awtoritajiet, iżda sal-lum progress fuq din l-inizjattiva , b’dispjaċir ngħid, ma sar xejn.
Il-proposta tal-Kamra tissuġerixxi fejn jistgħu jidħlu miżuri posittivi sabiex insaħħu u ntejjbu il-qasam tal-ġustizzja, mizuri għad-diskusjoni li għandhom iwasslu għal tibdil bi ħsieb strategiku. Nisimgħu dejjem dwar inizjattivi li qedgħin jittieħdu; iżda l-Kamra temmen li l-problemi li hemm fis-settur jridu jiġi indirizzati ħolistikament.
Nerġa’ nissoleċita lill-Awtoritajiet sabiex jabbraċċjaw din l-inizjattiva jekk verament jemmnu fl-aħjar andament tal-qasam tal-ġustizzja. Għandu jispicca ż-żmien għall inizzjattivi riżultat ta’ tmexxija skond il-kriżi li naffaċċjaw minn darba għall-oħra; għandu jkollna l-kuraġġ nagħmlu dak li jeħtieġ isir fil-qasam tal-ġustizzja lill hinn minn pressjonijiet ta’ setturi li għandhom l-interessi tagħhom, u lil hinn minn pressjoni politika.
Il-Ġudikatura.
Inkun qed nonqos, Sur Prim Imħallef, jekk ma nirrikonoxxiex ix-xogħol siewi li sar mill-maġġior parti tal-membri tal-Ġudikatura fis-sena li għaddiet. Nemmen li kien hemm sforz kollettiv sabiex nirrendu l-ġustizzja aktar umana u mhux sempliċiment kwistjoni ta’ statistika u numri. Ġustizza li, fiċ-ċirkostanzi, saret f’ ħafna mill-każi fl-anqas żmien possibli iżda mhux dejjem.
Dejjem infakkar li l-kawzi jikkonsistu fl-inkwiet li għandhom il-Maltin u l-Għawdxin u ma għandhom qatt jiġu ridotti għall-kwistjonijiet f’termini ta’ statistika.
Konxju wkoll tal-pressjoni li hemm fil-qrati tal-Magistrati – kawżi tad-distrett kif ukoll kawżi żgħar żdiedu konsiderevolment, frott ukoll in-numru kbir ta’ barranin li qed jgħixu u jew jaħdmu f’pajjizna. Dan l-influss qawwi fil-popolazzjoni żied il-pressjoni fuq il-Qrati tagħna, kwestjoni li timmerita li tiġi analizzata u kkunsidrata fil-pjanijiet futuri għal qasam tal-Ġustizzja.
Nagħmel riferenza għall-ħatra tal-Magistrati inkwirenti. Jidher li huwa esperiment li jista jirnexxi, iżda ma nistgħux nippretendu li jaħdmu fil-kondizzjonijiet li poġġejnihom. Għadhom mingħajr uffiċċji, u agħar u agħar, għadhom bla Deputati li jgħinuhom jiffunzjonaw għall-massimu tagħhom. Din jeħtieġ li tissolva minnufiħ. Mal-problemi tagħhom inzid il-problema ta’ esperti f’materji dejjem aktar tekniċi, iżda mhux biss. Hemm bzonn li din tiġi indirizzata, jidher li l-listi esistenti ta’ esperti mhiex qed tilħaq l-għan tagħha u għalhekk il-Kamra qed tipproponi lill-Ministru tal-Ġustizzja sabiex fis-sena li ġejja flimkien mal-Kamra tal-Avukati, jinħoloq kumitat sabiex jifli din il-problema – naraw l-oqsma problematiċi, nikkonsultaw mal-Ġudikatura u noħoġu b’soluzzjoni; soluzzjoni li għandha ukoll tipprefiġġi l-ħlas għall-dawn l-esperti sabiex b’hekk ukoll nevitaw il-kontestazzjonjiet.
Il-Kamra tinnota b’sodisfzzjoni il-progress li sar fil-Qrati ta’ Appell, kemm dawk Ċivili, kemm Kriminali kif ukoll Inferjuri li rizultati tal-ħidma qedgħin hemm sabiex kulħadd jixtarrhom u japprezzahom.
Mgħarraf li l-appelli ċivili ta’ qabel l-emendi tas-sena 2021 prattikament illum kollha ġew mismugħa, kkunsidrati, deċiżi, jew waslu sabiex jiġu ilkoll deċiżi. Dan iwassalni ukoll, iżda, għall ħsieb fuq l-istess emenda. Għaddew tlett snin mill-implimentazzjoni tagħha – wasal iż-żmien sabiex nistudjaw jekk hemmx bżonn ta’ emendi, bl-esperjenza li issa lkoll għandna. Il-Kamra temmen li hemm fejn din tiġi ameljorata.
Irrid nikkumenta fuq żewġ affarijiet oħra, dwarkom il-Ġudikanti.
L-ewwel ħaġa, nemmen li wasal iż-żmien li inkabbru l-uffiċċji ta’ kull ġudikant. Nemmen li ma għandux ikun hemm distinzjoni bejn Superjuri u Inferjuri fl-uffiċċji tagħkom. Ukoll għandhom jizdiedu b’nies kompetenti f’kull uffiċċju ta’ kull ġudikatur. Hekk biss nistgħu naqdfu aktar; hekk biss nistgħu naċċertaw li kull ġudikant u ġudikanta personalment jkollhom iż-żmien jistudjaw tajjeb il-każijiet quddiemhom u d-deċiżjonijiet li jkunu ser jingħataw. Nilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Magistrati illum fit-team tagħhom qed jiżdied, u jew ser jiżdied, magħhom, Court Attorney. Il-Kamra temmen li din iż-żieda waħeda, minkejja li bla dubbju posittiva, mhiex
biżżejjed.
It-tieni ħaġa hija d-dixxiplina. Suġġett li ser jkolli niffoka fuqu kemm mill-lat ta’ Ġudikatura u aktar il-quddiem minn lat ta’ Avukatura.
Dixxiplina kienet diġa’ ssemmiet s-sena l-oħra, iżda ma sar xejn.
Filwaqt li kif diġa’ irriferejt, il-maġġior parti tal-Ġudikatura ġibdu l-ħabel kif mistenni, u wara kollox kif inhu l-obligu tagħhom, ma nistax ngħid li kuklħadd jgħaddi mit-test tal-effiċċjenza mistennija, la fl-istima tal-poplu Malti u Għawdxi u lanqas skont analizi li kienet tħejji l-Kamra tal-Avukati. Hemm uħud, tgħoddhom fuq id waħda, li jissemmew il-ħin kollu għal mod kif dmirijiethom ma jissodisfawhomx kif mistenni . Jiena naf li dan huwa suġġet li jaħraq, iżda Sur Prim Imħallef, dmiri bħala President tal-Kamra tal-Avukati, mhux li ngħamel ta’ bir-ruħi li ma nafx x’ qed jgħidu in-nies, ma nafx minn xiex qed jilmentaw l-Avukati, izda li niġi hawn, quddiemkhom, naffaċċjakhom u nffakarkhom b’ dak li wiegħdtu meta ħadtu il-ġurament tal-kariga.
L-ilmenti għal dawn il-ftit ivarjaw – minn ma jaħdimx kif suppost, minn ma jmexxiex l-awla kif suppost, minn idum biex jagħti digriet sempliċi, minn ma jagħtix s-sentenzi kif imwiegħed mingħajr raġuni valida, minn jiddisrispetta lilna l-Avukati u aktar u aktar lill-poplu Malti u Għawdxi li juża dan is-servizz. Dawn l-ilmenti iwasslu għal ħsara mhux biss lill-ġudikant personalment konċernat , iżda qed jiġbed it-tapit minn taħt il- Ġudikatura kollha, u x-xogħol kollu tajjeb li qed isir jiġi imminat mill- ftit. Qed issir ħsara lir-reputazzjoni tagħna ilkoll, ħaddiema fl-għalqa tal-ġustizzja.
Huwa għalhekk li l-Kamra tal-Avukati tinsisti li f’ din is-sena li bdejna titwaqqaf proċedura, indipendenti mill-ġudikatura, li twassal sabiex jkunu jistgħu jitressqu ilmenti li jekk prima faċie jimmeritaw aktar indagni, jiġu kkunsidrati. Jiena dejjem ngħid, li d-dixxiplina, s-sanzjonijiet, tbeżża biss lill min ma jerfgħax ir-responsabilità tiegħu. Sur Prim Imħallef min jaħdem sewwa, proċedura simili issaħħqu u mhux ittelfu.
L-Avukatura.
La darba qed inlissen il-pozizzjoni tal-Kamra fuq dixxiplina ma nistax ma nilmentax bil-qawwa kollha, id-diżappunt li kelli matul din l-ewwel sena, għal numru kbir ta’ ilmenti li irċevejt dwar Avukati. Huwa fatt li wħud minnhom jkunu infondati, iżda huwa fatt ukoll li wħud minnhom jimmeritaw li jiġu kkunsidrati.
Ilmenti li jaslu għand il-Kamra tal-Avukati, meta uffiċċjalment suppost li jitressqu lill-Kumitat għal-Avukati u Prokuraturi Legali. Il-Kamra għażlet li tipprova timmedja fejn tista’, tipprova tirrisolvi dak li jaqa’ fil-mansjoni tagħha, iżda jekk ma tinstabx soluzjoni bejn il-partijiet jew jekk ma jkunx ta’ idejna, jgħaddu għand il-Kumitat.
Kumitat li biex jiffunzjona jeħtieġ emenda kostituzzjonali immedjata, wara sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali reċenti. Emenda li ma fiha l-ebda element politiku, emenda li fuqha jidher li hemm qbil bejn ir-Rappreżentati fil-Parliament, iżda li sal-lum ma tressiqtx.
L-emenda weħidha mhux biżżejjed. Il-kumitat, jekk verament nemmnu fiħ, irid jiġi attrezzat bin-nies, attrezzat b’uffiċċju minn fejn jista jopera, kif ukoll jiġi mogħti l-finanzjament li jeħtieġ. Jekk mhux ser nindirizzaw dawn in-nuqqasijiet qedgħin niddisrispettaw lill-dawk kollha li jressu l-ilment tagħhom quddiem l-istess Kumitat.
Il-fatt jibqa’, iżda, li l-l-ilmenti li waslu għandna kienu wisq u jimmeritaw struttura effiċjenti sabiex jiġu indirizzati mingħajr ebda dewmien. Id-dewmien sabiex jiġu indirizzati hija inġustizzja fiha innifisha.
Nieħu din l-opportunita sabiex infakkar lill-Avukati kolla, li aħna nagħtu servizz u ma hemmx xejn aqwa li dan is-servizz jkun trasparenti mal-klient u għandu jkun regolat minn ittra ta’ inġaġġ. Dan fiħ innifsu jrendi lill-Avukat u s-servizz li jagħti aktar professjonali. Jiena nemmen li dan għandu jsir obligatorju u fuq dan il-Kamra ser tkun qed tiddiskuti mal-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex f’ numru ta’ oqsma fis-servizzi li nagħtu fil-professjoni tagħna dan jkun obligatorju taħt piena għal nuqqas. Dak li għidt għall-Ġudikatura ngħidu għall-Avukati – minn jaħdem sewwa minn tibdil simili ma għandux minn xiex jibza’.
Dan il-ħsieb jorbot mal-ħtieġa li t-tariffi tal-Avukati jiġu riveduti, ma nistgħux aktar nevitaw din il-kwistjoni, jiena insejjaħlu, the elephant in the room, għaliex rizultat ta’ tariffi inadegwati jinbtu il-problema.
Lil hinn mill-fatt li llum għandna ħafna gradwati fil-liġi li jevitaw il-Qorti. Dan ifisser li minn fadal jaħdem fil-qorti huwa dejjem aktar mgħobbi bix-xogħol, mgħobbi bix-xogħol ifisser li ma titrattax lill-klienti kollha tiegħek kif tixtieq, u minn hemm jibdew l-ilmenti dwar l-Avukat.
Ejja ngħiduha kif inhi, ma hawn l-ebda Avukat u jew uffiċċju ta’ Avukati, li jista jimxi mat-tariffi esistenti għaliex jekk hekk, jkun jaqbillu jgħalaq l-uffiċċju. Dan kollha kemm aħna nafuħ iżda nagħmlu ta’ bir-ruħna li mhux qed naraw ir-realta’. Biex aktar jiddispjaċik, esperti imqabbda mill-Qorti jirċievu, ta’ ftit siegħat xogħol, ħamsa jew aktar darbiet li jirċievi l-Avukat ta’ xogħolu fuq medda ta’ snin.
Is-sistema timbotta lill-Avukati lejn modalita ta’ħlas mhux trasparenti, tirbaħ il-kawza u tippretendi li tiġbor l-ispejjes mit-terz li tilef, tkun ħallast somma konsiderevoli mal-medda tal-kors tal-kawża jekk mhux ukoll mal-appell u tispiċċa tirċievi lura ftit mijiet ta’ ewro, skond it-tariffa. Dan mhux sewwa; ilkoll nafuha; u għandna obbligu ma nħalluiex tippersisti. Il-Kamra temmen li bħall-Kunsill Notarili hemm il-ħtiega ta’ billing calculator user. Il-Kamra ser tkun qed tippresenta, fil-ġimgħat li ġejjin, l-idejat tagħha lill-Ministeru tal-Ġustizza għal kunsiderazzjoni immedjata t u fin-nuqqas ta’ ftehim, lesta li toħroġhom bħala direttiva lill-membri tagħha.
Dan iwassalni għall- l-Att li jirregola l-professjoni legali , il-Lawyers Act. Diskussjoni dwarha li ilha għaddejja sa mis-sena 2008, suġġet li għamlet riferenża għaliha il-Venice Commission kif ukoll il-Moneyval.
Is-sena l-oħra kont għedt li xtaqt li fis-sena forensi li konna ser nibdew tidħol l-Att li jirregola l-professjoni legali. B’ dispjaċir ninnota, minkejja rrieda tajba tal-partijiet konċernati, li sal-lum ma wasalniex. Marbut ma dan l-Att hemm diversi oqsma ta’ importanza kbira, fosthom, ir-riorganizzazzjoni sħiħa tal-professjoni, dixxiplina u l-obbligu tat-taħriġ kontinwu, Continued Professjonali Development. Ma nistgħux intawwlu aktar. Dan l-Att huwa meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-professjoni u naħseb li Malta hija l-unika pajjiż fejn l-Avukati mhumiex regolati. Dan mhux unur għall-pajjiżna.
La darba semmejt il-Lawyers Act, xieraq ngħid żewġ kelmiet fuq il-kors tal-Liġi. Il-Kamra din is-sena reġgħet fetħet diskussjonijiet dwar l-istrutturar tal-kors tal-Liġi. Irridu nistaqsu lilna infusna li noperaw f’din il-professjoni, jekk il-kors hux qed jwassal studenti tal-kalibru u fl-qoqsma meħtieġ. Il-Kamra temmen li hemm bzonn ta’ tibdil fil-kors, hemm bzonn li ma jispiċċax il-kors li fiħ jidħol kull minn ma għandux kors x’jsegwi. Hemm bzonn li l-kwalifiki għad-dħul fil-kors, l-entry requirements jgħolew u hemm bżonn diskussjoni dwar il-kunċett ta’ mature students, x’inhuma l-esperjenzi issa minn din il-possibilita. Infurmat li hemm diversi proposti li qed jiġu diskussi u nawgura li dwarhom jintlaħaq qbil ma jdumx.
Xtaqt ngħaddi osservazzjoni fuq il-prattika tal-istudenti, suġġet ieħor trattat fl-abbozz tal-Att li jirregola l-professjoni tagħna. Hemm bżonn ta’ aktar serjeta fil-qasam tal-prattika, u l-Kamra ser tkun qed tiddiskuti mal-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali sabiex huma jaċċertaw li min japplika għall-warrant ikun verament għamel u għamel sewwa din is-sena ta’ taħriġ. Hemm bżonn naraw min jista’ jħarreġ l-istudenti, liema huma l-oqsma li bilfors trid tgħamel prattika fihom biex tikkwalifia għall-eżami tal-warrant, u kemm jista jħarreġ studenti kull Avukat fost affarijiet oħra. Wasal iż-żmien li fil-prattika indaħlu s-serjeta ukoll.
Diġitalizzazzjoni tax-xogħol fil-Qrati.
Qabel ma ngħalaq dan id-diskors tiegħi, Sur Prim Imħallef, xtaqt ngħid żewġ kelmiet dwar id-diġitalizzazzjoni tax-xogħol tal-Qorti. Il-Kamra temmen li filwaqt li hawn hemm bzonn inħaffu l-pass, hemm bzonn li nidirizzzaw din l-isfida bis-serjeta, f’din is-sena li għaddiet, għajr prezentazzjoni waħda fil-bidu, dwar l’hekk msejjah Court Management Information System, (li gie prezentat bhala fait accompli), il-kumitat li suppost qed imexxi id-diġitalizzazzjoni, u li fuqu hemm rappresentanti mill-Kamra, infurmat li ma iltaqax darba. Xi progress u xi djalogu jista qed jsir, jekk il-kumitat imwaqqaf sabiex jissorvelja, jimplimenta, jħarreġ dwar it-tibdil mis-sistema prezenti għall-waħda fl-era tat-teknologija informatika, ma iltaqax darba.
Fil-jiem li għaddew sirt naf li fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru ġiet ppublikata sejħa għall-offerti, Tender for the customisation and implementation of an off the shelf court management information system for the court services agency. Pass posittiv, iżda l-Kamra temmen li kellha tkun mgħarrfa minn qabel, kemm bid-deċizjonijiet tal-progett li ttieħdu… dawn tbiddlu minn kif kien spjegat lilna sena ilu kif ukoll li ħierġa is-sejħa.
Sejħa sabiex fi żmien 28 xahar mill-iffirmar tal-kuntratt jkollna sistema kollha diġitalizzata. Tajjeb ħafna b’mod speċjali jekk it-time frame mhuwiex wisq ottimistiku.
Intalbet soluzzjoni teknoloġika għall-immaniġjar tal-kawzi, għat-tracking tal-kawżi, smiegħ u l-presentar tal-kawżi u dokumenti.
Dan ifisser li l-kumitat irid verament jaħdem bis-serjeta sabiex jikkumplimenta dan il-proċess. Iqumu diversi mistoqsijiet li ma rridx insemmihom hawn sabiex ma nidħlux f’ polemika, iżda l-proċessi tal-Qrati, jekk verament ikollna sistema kif qed tintalab, ser jidbidlu mhux bi ftit u ser jitbiddlu ukoll diversi komponenti tal-eco sistema ġudizzjarja..
Hemm bzonn ta’ ri-alinjament tal-proċeduri, hemm bzonn ta’ għarfien u taħriġ kemm għall-ħaddiema tal-Qorti kif ukoll għall-Avukati. Ma għandniex żmien x’nitlifu. Il-Kamra tinsisti li dan il-kambjament jittieħed b’aktar serjeta sabiex tassikura li t-tibdil li ser jiġi propost jaqdi l-miri li irridu nilħqu b’dan it-tibdil.
Grazzi.