26.09.2020
Wara laqgħa aktar kmieni dalgħodu bejn l-aġenzija tal-Qrati, l-Kamra tal Avukati u l-Ministru tal-Ġustizzja ġew indirizzati l-ilmenti prinċipali tal-Kamra tal-Avukati dwar is-sitwazzjoni fil-Qrati fil-kuntest ta’ miżuri intenzjonati li jillimitaw ir-riskju għas-saħħa ta’ kull min għandu bżonn li jagħmel użu mis-servizzi tal-Qrati.
Fost affarijiet oħra ġie miftiehem illi biex jitnaqqas il-volum ta’ nies fl-intrata prinċipali tal-Qorti, terġa tinfetaħ, fil-jiem li ġejjin, l-intrata min Triq Santa Luċija li tkun dedikata biss għall-avukati. Mhux ser ikun permess li avukati jdaħħlu l-klijenti magħhom min din l-intrata. Il-Kamra terġa tfakkar li fejn mhux strettament neċessarja l-preżenza tal-klijent il-Qorti, din għandha tiġi evitata biex b’hekk nevitaw il-volumi ta’ nies ġewwa l-bini tal-Qorti. L-avukati li m’għandhomx il-card biex jagħmlu użu min din l-intrata huma mħeġġa biex jagħmlu l-arranġamenti kollha neċessarji mal-uffiċju tal-Kamra tal-avukati biex sa l-ewwel t’Ottubru meta huwa maħsub li terġa tinfetaħ din l-intrata jkunu muniti bil-card appozita ħalli jkunu jistgħu jagħmlu użu min din l-intrata dedikata. L-avukati huma wkoll mħeġġa li jikkooperaw mal-amministrazzjoni tal-Qorti biex jiffaċilitaw d-dħul fil-Qorti partikularment billi jaħsbu ftit qabel il-ħin li normalment jidħlu l-Qorti ħalli b’hekk ma tinqalax kongregazzjoni t’avukati li kollha jkun jridu jidħlu l-qorti fl-aħħar mument. Huwa wkoll importanti li niġbdu l-attenzjoni li dan huwa punt ta’ dħul fil-qorti u għalhekk għandu jiġi evitat li jsiru kongregazzjonijiet t’avukati fil-passaġġi ta’ bejn l-intrata u t-taraġ li jagħti għal fuq, fosthom li jiġi evitat waqfien bla bżonn ħdejn ir-reġistru.
Fost miżuri oħra li qegħdin jiġu diskussi mal-Ministru tal-Ġustizzja biex tkompli tiġi ndirizzata din is-sitwazzjoni, hija l-possibilità li l-avukati jkunu jistgħu jiġu awtorizzati li jamministraw il-ġurament, biex b’hekk il-ġurament fuq ċerti atti ġudizzjarji jkun jista’ jingħata mill-avukat mingħajr ma’ l-klijent ikollu għalfejn jattendi l-Qorti. F’dan il-kuntest qegħdin isiru diskussjonijiet ukoll biex sessjonijiet ta’ medjazzjoni fil-Qorti tal-familja jkunu jistgħu jsiru b’mod virtwali u biex jiżdiedu n-numru ta’ atti li jistgħu jiġi depożitati fir-reġistru tal-Qorti b’mod diġitali.
Il-Kamra tifhem illi dawn huma miżuri straordinarji intiżi propju biex jindirizzaw sitwazzjoni straordinarja u li għalhekk ser ikun hemm xi inkonvenjent inevitabbli. M’hemm ebda miżura li waħedha ser tindirizza s-sitwazzjoni, iżda b’numru ta’ miżuri u inizzjattivi li jittieħdu huwa possibbli li jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa ta’ kull min ikollu bżonn is-servizzi tal-Qrati.