Stqarrija għall-istampa – Kamra tal-Avukati – 29.04.2024

Stqarrija għall-istampa – Reazzjoni tal-Kamra tal-Avukati b’risposta għad-diskors tal-Prim Ministru.

 

Il-Kamra tal-Avukati tħoss li għal darb oħra għandha toħroġ stqarrija bħala reazzjoni għad-diskors li għamel il-Prim Ministru matul il-Kungress Ġenerali tal-Partit Laburista, lbieraħ il-Ħadd 28 ta’ April 2024.

Illi bid-diskors tiegħu, l-Prim Ministru reġa għamel attakk dirett fuq il-ġudikatura. Dan l-attakk sar proprju meta ġiet mniedja l-kampanja elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2024.

Il-Kamra qegħda tagħmel referenza lejn il-parti tad-diskors tiegħu fejn huwa sostna li, “l-ġustizzja m’għandhiex tiġi abbużata għal skopijiet partiġjani wisq anqas għandha tkun ffukata biex tagħmel l-akbar ħsara elettorali. Dan il-kliem għidtu madwar tlett xhur u nofs ilu, hawn barra, lil ġurnalisti. Il-ġustizzja ma tfissirx terroriżmu politiku, l-ġustizzja onesta u tpattija politika ma jgħixux flimkien.”

Illi l-Kamra tixtieq tissottolinea li l-Prim Ministru  mhuwiex biss il-Kap tal-Partit Laburista iżda huwa wkoll l-Prim Ministru ta’ Malta u għalhekk għandu l-obbligu li jiżen sewwa l-kliem li juża mingħajr ma jimmina l-ġudikatura u x-xogħol tagħha. Il-ġudikatura għandha titħalla fil-liberta` li twettaq ix-xogħol tagħha mingħajr xkiel u mingħajr ma tħares lejn ħadd.

Il-Kamra trid terġa tenfażizza li hija l-ġudikatura biss li tissalvagwarda s-setgħa tad-dritt u li tista` tiggarantixxi ġustizzja għal kulħadd. Kwalunkwe kritika lejn il-ġudikatura m’għandhiex issir għal skopijiet politiċi u partiġjani.

 

Maħruġ illum, 29 ta’ April 2024