Stqarrija dwar il-Ħatra għall-Kariga ta’ Prim Imħallef tal-Qrati

News, Uncategorised Admin
Legal professionals

Il-Kamra tal-Avukati qed tagħmel referenza għall-proċess kostituzzjonali li għaddej bħalissa dwar il-ħatra għall-kariga ta’ Prim Imħallef tal-Qrati. F’dan ir-rigward, il-Kamra ma tistax ma tesprimix it-tħassib tagħha dwar il-fatt li qed jissemmew pubblikament ismijiet ta’ kandidati prospettivi qabel ma ntlaħaq qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati.

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tipprevedi li l-ħatra għall-kariga ta’ Prim Imħallef għandha ssir b’maġġoranza ta’ żewġ terzi (2/3) tal-Kamra tad-Deputati. Fid-dawl tad-delikatezza u l-importanza ta’ din il-kariga, il-Kamra tal-Avukati kienet tistenna li l-partiti politiċi jaslu għal qbil dwar l-isem tal-persuna magħżula qabel ma dan jiġi diskuss jew imxandar fil-pubbliku, sabiex jiġi evitat li ħatra daqshekk sensittiva tispiċċa strumentalizzata politikament.

Barra minn hekk, il-Kamra tal-Avukati tikkundanna bla ebda riżerva l-attakki personali li qed isiru fuq il-mezzi tal-midja soċjali fil-konfront tal-membru tal-ġudikatura li ssemma fil-midja ftit tal-jiem ilu bħala kandidat għal din il-kariga. Il-ġudikanti tagħna huma persuni li jaqdu dmirijiethom b’serjetà u b’dedikazzjoni, u kwalunkwe attakk fuq l-integrità tagħhom huwa inammissibbli.

Il-Kamra tfakkar li l-ġudikatura trid tkun tista’ taħdem b’serenità, kemm matul dan il-proċess kif ukoll wara, u għaldaqstant għażla ta’ din in-natura m’għandhiex issir jew tiġi trattata bħala qorti pubblika.

Fl-aħħar nett, il-Kamra tal-Avukati tħeġġeġ lill-politiċi sabiex jaslu għal deċiżjoni mill-aktar fis possibbli, peress li d-dewmien qed joħloq biss inċertezza u qed jikkawża ħsara lis-settur tal-ġustizzja.

https://avukati.org/wp-content/uploads/2026/01/Stqarrija-Dwar-il-Hatra-ghall-Kariga-ta-Prim-Imhallef-tal-Qrati.pdf

Tislijiet,

Il-Kamra tal-Avukati

Related Articles